Artisti jibagħtu petizzjoni lill-PM għar-riżenja ta’ Jason Micallef mill-V18

Grupp ta’ professjonisti fil-qasam tal-arti f’Malta talbu għar-riżenja ta’ Jason Micallef minn Ċerpersin tal-Fondazzjoni Valletta 2018.
F’ittra lill-Prim Ministru Joseph Muscat, lill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici u lis-Segretarju Deo Parlamentari Debattista, madwar 160 artist, awtur, u oħrajn, insistew dwar ir-riżenja ta’ Micallef.
Dan minħabba, kif saħqu fl-ittra tagħhom, “il-kummenti derogatorji pubbliċi kontinwi” tiegħu fuq il-midja soċjali dwar l-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’din l-ittra, huma irrimarkaw li din l-attitudni, li sejħu partiġġjana, ma tirriflettix “l-għanijiet u l-prinċipji tal-inizjattiva tal-Belt Kapitali tal-Kultura”, li hu ġie mistoqsi jirrappreżenta.
Ikomplu jinsistu li “l-użu tal-artisti, tal-kultura u ta’ Valletta 2018 għall-konvenjenza politika hu xokkanti u inaċċettabbli”.
Dan mhuwiex l-ewwel appell għar-riżenja tiegħu.
Grupp kbir ta’ Ewroparlamentari (MEPs), kif ukoll 275 kittieba internazzjonali u n-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili talbu għar-riżenja tiegħu minħabba l-kummenti dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia f’San Patrizju, il-kummenti dwar il-mafkar tagħha, kif ukoll il-kummenti tiegħu fuq l-istrixxuni ta’ protesta dwar il-mewta tagħha.