Artista ssir Prinċipessa wara deċiżjoni tal-Qorti Belġjana

Luc Van Braekel

Artista Belġjana li ilha għal dawn l-aħħar seba’ snin f’battalja legali sabiex tipprova li r-Re Albert tal-Belġju huwa missierha, kisbet suċċess fil-qorti wara li l-Ħamis li għadda, hija rebħet il-kawża biex b’hekk issa hija uffiċjalment prinċipessa.

Il-Qorti tal-Appell fil-Belġju tat lil Delphine Boel it-titlu ta’ “Prinċipessa tal-Belġju” wara li test tad-DNA fuq dak li sa ftit ilu kien ir-re tal-Belġju, wera li hu kien tabilħaqq missierha, qalu l-avukati ta’ Boel f’stqarrija, u żiedu jgħidu li Boel kienet “sodisfatta ħafna” b’dan il-verdett.

It-test tad-DNA f’Jannar li għadda wera’ li Albert II huwa l-missier bijoloġiku ta’ Boel, biex b’hekk issa, dan il-kapitlu twil inqata’ darba għal dejjem.

Albert, li abdika sitt snin ilu favur ibnu Philippe, kien ilu jikkontesta dak li kienet qiegħda ssostni Boel li llum għandha 52 sena.

Minbarra li qed tkun rikonoxxuta bħala prinċipessa, Boel issa mistennija tbiddel kunjomha għal dak ta’ missierha, Saxe-Cobourg. Iż-żewġ uliedha Josephine and Oscar ukoll se jirċievu titli rjali kif ukoll id-dritt li jkunu riferuti għalihom bħala tali.

“Rebħa legali qatt mhi se tieħu post l-imħabba ta’ missier, iżda ta’ l-inqas, toffri sens ta’ ġustizzja, flimkien mal-fatt li ħafna ulied li forsi jkunu għaddew mill-istess sfidi, issa jistgħu isibu s-saħħa jaffaċċjaw is-sitwazzjoni tagħhom minn din l-esperjenza,” żiedu jgħidu l-avukati ta’ Boel.

Il-verdett tal-qorti ħabta w sabta tqies bħala sorpriża minħabba li d-deċiżjoni kienet mistennija titħabbar fid-29 ta’ Ottubru.

Albert II li kien re tal-Belġju bejn l-1993 u l-2013, kellu relazzjoni twila ma’ omm Delphine, il-Barunessa Sybille de Selys Longchamp bejn l-1966 u l-1984, relazzjoni li kienet wasslet għat-twelid tal-prinċipessa.