“Artikli Maltin dwar is-saħħa mentali aktar edukati minn pajjiżi oħrajn”

Malta hija aktar edukata fil-mod kif tindirizza s-saħħa mentali fl-artikli meta mqabbel ma’ pajjiżi oħrajn.

Dan qalitu Dr Paulanne Grech li mexxiet ir-riċerka bl-isem ta’ In My Words, bil-għan li jiġi identifikat il-mod li bih is-saħħa mentali tiġi mpittra fil-midja lokali, speċifikament fil-gazzetti. L-istudju identifika u esplora t-temi prinċipali relatati mas-saħħa mentali kif ukoll it-tip ta’ diskors li jintuża fl-artikli. Ir-riċerka ffukat fuq tliet gazzetti prinċipali f’Malta.

Ġie spjegat li l-artikli kienu jduru madwar bosta aspetti tas-saħħa mentali, kien hemm xi wħud li kienu qed jippruvaw iqajjmu kuxjenza dwar is-suġġett, kien hemm ħafna artikli dwar l-istat tal-isptar tal-psikjatrija, Monte Karmeli. Xi artiklu tkellmu dwar il-bżonn ta’ aktar servizzi tas-saħħa mentali u oħrajn dwar il-bżonn li jkun hawn aktar taħriġ professjonali u mhux professjonali fuq is-suġġett. Dr Grech qalet ukoll li kien hemm ftit artikli b’esperjenzi ta’ persuni li qed jgħixu bi problemi ta’ saħħa mentali.

Skont Dr Grech, ħafna mill-artikli kienu jew riċerkati mill-ġurnalisti u miktuba minnhom, jew inkella permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ xi persuna professjonali li taħdem fil-qasam tas-saħħa mentali.

Dr Grech sostniet li hemm bżonn kbir li l-ġurnalisti u l-midja jitkellmu ma’ persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali u jaqsmu l-esperjenzi magħhom, iżda mhux biss. Spjegat li hemm bżonn kbir li dawn jiġu mistoqsija dwar x’iħossu li għandhom bżonn mis-servizzi tas-saħħa mentali u mis-soċjetà biex joħorġu mill-pożizzjoni li spiċċaw fiha.

“Il-midja għandha rwol kbir fil-messaġġi dwar is-saħħa mentali”

Dr Josianne Scerri, il-Kap tad-Dipartiment tas-Saħħa Mentali fi ħdan l-Università ta’ Malta sostniet li l-midja għandha rwol kbir fil-mod kif il-messaġġi dwar is-saħħa mentali jgħaddu u jaslu għand il-pubbliku. Mara ddeskriviet il-mument tagħha meta bdiet taqleb għall-aħjar meta sabet il-vuċi tagħha, il-midja tista’ tgħin billi xxerred l-istejjer ta’ dawn il-persuni, tispjega dak li għaddejjin minnu biex il-pubbliku jifhem.

“Persuni bi problemi ta’ saħħa mentali m’għandhom xejn inqas minn ħaddieħor”

Dr John Cachia, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal sena u nofs ilu bdiet id-diskussjoni ta’ kif se jitkisser il-ħajt tas-silenzju li nbena madwar min qed isofri. Irringrazzja lill-midja tal-irwol li kellha sabiex is-sitwazzjoni tas-saħħa mentali timxi għall-aħjar. Sostna li meta wieħed jiftaħ il-midja soċjali, jara eżatt kif il-persuni jaħsbu dwar is-saħħa mentali. Qal li għalhekk hemm bżonn li kulħadd jibda billi bil-mod il-mod jibdel id-diskors u jinkoraġġixxi lil ta’ madwaru jagħmel l-istess.

Dr Cachia rrimarka li persuni bi problemi ta’ saħħa mentali ma għandhom xejn inqas minn ħaddieħor. Insista li bħal ma hemm persuni li l-istress u s-sitwazzjonijiet tal-ħajja iħallilhom effetti negattivi fuq il-kliewi jew l-istonku, dawn il-persuni jiġu affettwati fil-moħħ. Għaldaqstant irrimarka li kulħadd jinsab fl-istess ilma.