Arthur, Ron u Ian b’maratona ta’ 30 siegħa għad-Dar tal-Providenza

Arthur, Ron, Ian
Facebook: 103

Read in English.

Arthur Caruana, Channel Manager ta’ 103 Malta’s Heart, Ron Briffa l-preżentatur tal-103
Breakfast Show u Ian Busuttil Naudi wieħed mill-preżentaturi tal-103 Morning Show, l-Erbgħa 30 ta’ Diċembru se jibdew maratona ta’ 30 siegħa b’risq id-Dar tal-Providenza.

“Kont determinat li ma nħallix lill-Covid-19 din is-sena jtellef lill-103 milli jiġbor il-flus għad-Dar tal-Providenza”, hekk qal ma’ Newsbook.com.mt Arthur Caruana, Channel Manager ta’ 103 Malta’s Heart.

Is-sena li għaddiet Arthur kien għamel maratona ta’ 30 siegħa u ġabar kważi €13,000.

Din is-sena minħabba l-Covid-19 ma kienx prudenti li n-nies joqogħdu deħlin u ħerġin mill-istudios, iżda mill-banda l-oħra kien diffiċli li jagħmel 30 siegħa waħdu Arthur. Ron u Ian mill-ewwel offrew li jingħaqdu miegħu.

“Se nibdew fit-30 ta’ Diċembru fis-6am u nibqgħu għaddejjin għal 30 siegħa sħaħ bla rqad, indoqqu d-diski, niddevertu lis-semmiegħa u ħafna aktar importanti niġbru l-fondi”, qalilna b’ħarsa ta’ determinazzjoni Arthur.

“L-istazzjon tagħna bħan-newsportal tagħna Newsbook għandhom l-għan li jgħinu lill-vulnerabbli u jagħtu leħen lil min m’għandux. Il-maratona se tgħin lill-persuni b’diżabiltà waqt li tul l-Avvent qed nagħmlu wkoll kampanja favur il-persuni bla dar. Dak hu l-ispirtu veru tal-Milied”, żied jgħid Arthur.

Arthur, Ron u Ian mhux se jkunu l-uniċi nies li jferrħu lis-semmiegħa. Magħhom minn ħin għall-ieħor se jingħaqdu b’mod virtwali ħafna personalitajiet u bands, li se jkunu qed jagħtu sapport lil dawn it-tliet preżentaturi matul it-30 siegħa. L-ismijiet ta’ dawn jitħabbru fil-ġranet li ġejjin.

Kif tista’ tgħin?

  • Segwi 103 Malta’s Heart bejn l-Erbgħa 30 ta’ Diċembru fis-6am u l-Ħamis 31 ta’ Diċembru f’nofsinhar.
  • Ħu nota u ismagħna LIVE fuq 103.mt/103-player
  • Agħti d-donazzjoni tiegħek fuq https://www.dartalprovidenza.org/make-a-donation/
  • Ċempel fuq 5160 2012 biex tagħti donazzjoni ta’ €10 (VO 1066)
  • Ċempel fuq 5180 2014 biex tagħti donazzjoni ta’ €25 (VO1066)
  • Ibgħat SMS fuq 5061 8922 biex tagħti donazzjoni ta’ €7 (VO1066)