Arteta jfieq mill-coronavirus, Arsenal jibqgħu bla taħriġ

Reuters

Il-maniġer ta’ Arsenal Mikel Arteta fetaħ qalbu dwar kif qed jirkupra mill-coronavirus wara li sar l-ewwel persuna ta’ ċertu importanza fil-futbol Ingliż li qabdu dan il-vajrus.

Huwa rriżulta pożittiv għall-vajrus aktar kmieni dan ix-xahar. Dan wassal biex saret laqgħa b’emerġenza bejn min imexxi l-Premier League u ttieħdet id-deċiżjoni li l-logħob għandhom jiġu sospiżi. Waqt intervista ma’ gazzetta Spanjola, Arteta qal li jħossu tajjeb issa u jaħseb li rkupra b’mod komplet. Qal li ħa madwar tliet jew erbat ijiem biex beda jġib l-enerġija lura u jirkupra.

Hu spjega kif il-plejers kollha kellhom jidħlu fi kwarantina u konsegwentament il-logħob kollu kellu jiġi sospiż. Il-klabb tat-Tramuntana ta’ Londra kkonferma li l-plejers mhux se jkunu qed jirritornaw għat-taħriġ għalissa anka jekk Arteta rkupra kompletament.