Aġġornata: “Qed niksru regola dwar l-ODZs li ffirmajna għaliha aħna stess”

Nature Trust – FEE Malta qalu li l-Gvern qed jikser regoli li hu stess iffirma għalihom fl-2015 flimkien ma’ 192 pajjiż ieħor.
Il-grupp mhux governattiv li jħabrek sabiex jipproteġi l-ambjent f’Malta qal li huwa mħasseb mhux ftit bl-aħħar aħbarijiet dwar art agrikola f’Malta li jista’ jkun tinqered minħabba l-bini.
L-NGO kienet qed tirreferi għall-estensjoni taż-Żona Industrijali ta’ Bulebel, li jekk issir issir fuq art li hi tajba għall-agrikoltura, u l-applikazzjoni ta’ kumpanija tal-fast food f’Ħaż-Żabbar, fuq art li mhux sippost isir żvilupp fuqha, ODZ.
Nature Trust fakkret li l-Gvern f’Settembru tal-2015 kien iffirma flimkien ma’ 192 pajjiż ieħor sabiex jilħaq miri sostenibbli tal-iżvilupp, il-Global Goals for Sustainable Development.
Mira numru tnejn titlob lill-gvernijiet bix jeliminaw il-ġuħ u jtejbu l-provvista u s-sigurtà tal-ikel billi jippromwovu l-agrikoltura sostenibbli.
Il-grupp staqsa kif jista’ jkun li din il-mira qed tintlaħaq, meta fi kliemu f’Malta donnu hemm pjan biex l-art ODZ tinqered darba għal dejjem.
Sostna li l-iżvilupp ta’ art agrikola jpoġġi f’riskju l-kunċett tal-aċċess ekonimiku u fiżiku kif spjegat min-Nazzjonijiet Magħquda, u jista’ jitfa’ lil Malta f’sitwazzjoni fejn ma nkunux kapaċi nipproduċu ikel biżżejjed għalina nfusna u jkollna niddependu minn pajjiżi barranin.
L-istqarrija tan-Nature Trust – FEE Malta ssemmi rapport li juri li Malta hawn rata għolja ta’ ħxuna, u jirrimarka dwar l-ironija kbira li hemm, hekk kif kumpanija tal-fast food talbet li tibni fuq art ODZ.
Il-PD se japplika biex Wied iż-Żrinġ jingħata l-istatus ta' post pubbliku
Sadanittant il-Partit Demokratiku qal li se japplika mal-Awtorità tal-Ippjnar (PA) biex Wied iż-Żrinġ f’Bulebel jingħata l-istatus ta’ post pubbliku.
Dan il-wied huwa dik il-parti ta’ art agrikola f’Bulebel li n-Nature Trust tkellmu dwarha, u li qalu li jista’ jkun tinbena biex jitkabbar il-qasam industrijali.
Il-Partit tal-Oranġjo qal li l-Partit Laburista dejjem għajjat dwar l-ambjent, imma f’dawn iż-żewġ leġiżlaturi sa issa għamel bil-maqlub.
Sostna li d-destin ta’ Wied iż-Żrinġ u l-fdalijiet arekoloġiċi tal-madwar huwa konsegwenza tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-Gvern, u rrimarka li t-teħid ta’ aktar minn 120,000 metru kwadru minn din l-art ilu ġej 40 sena.
Il-PD fakkar li meta kien Prim Ministru Alfred Sant u kien iffaċċjat bl-istess sitwazzjoni, għażel li juża art industrijali u mhux dik agrikola biex ikabbar Bulebel.
Żied jgħid li hemm art mhux użata u fabbriki magħluqin li jistgħu jintużaw għal dan l-iskop.