Art fl-Iklin suppost parkeġġ tinbidel f’miżbla ta’ karozzi bla liċenzja

Art fl-Iklin li ngħatat lill-privat mill-Gvern sabiex dan jibdilha f’parkeġġ pubbliku spiċċat miżbla ta’ karozzi bla liċenzja u bċejjeċ oħra.
L-għalqa tinsab fi Triq San Mikiel, u fi stqarrija l-Kunsill Lokali tal-Iklin qal li ilu s-snin jitkellem mad-Dipartiment tal-Artijiet biex toħroġ sejħa pubblika sabiex isir il-parkeġġ tliet sulari taħt l-art, kif ukoll spazju ta’ rikreazzjoni li jkun jista jimmaniġġjah il-kunsill lokali stess.
Il-kunsill kien ukoll applika għall-permess mal-Awtorità tal-Ippjanar, liema permess ingħata.
Iżda f’Ottubru tal-2015, tkompli l-istqarrija tal-kunsill, huwa ġie avżat li l-art ngħatat lill-privat biex jonqos l-inkonvenjent u l-parkeġġ ikun wieħed organizzat. Dan wara laqgħa mal-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.
F’Mejju tal-2016, il-kunsill iltaqa’ mas-Segretarju Parlamentari għall-Awtorità tal-Ippjanar, Deborah Schembri, sabiex din tiċċekkja x’beħsiebu jagħmel il-Gvern b’din l-art. Minn dakinhar il-kunsill baqa’ ma rċieva ebda tweġiba.
Madankollu, irċieva ħafna ilmenti minn persuni dwar l-istat ta’ telqa ta’ din l-għalqa. Fost oħrajn, qed isiru abbużi fuq din l-art, b’karozzi mingħajr liċenzja pparkjati fiha, oħrajn mingħajr numru ta’ reġistrazzjoni, kif ukoll ħaxix ħażin kullimkien u materjal ta’ kostruzzjoni mormi.