Arrivederċi għażiż Pawlu!

Bin-noti funebri tal-Banda La Stella li sellmet lil dan il-President u Segretarju Ġenerali tagħha għal tant snin, ingħata bidu għall-funeral tas-Sur Paul M. Cassar. Ixxukkjajt ruħi meta smajt bil-mewt ta’ Pawlu Cassar (ta’ Meljkor kif konna nafuh) li ġrat fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex dawn il-jiem.

Kont għadni daqsxejn ta’ sabi meta ommi kienet tibgħatni nixtri sold kunserva mill-ħanut tal-merċa li l-ġenituri tiegħu Marċella u Melkjor kellhom faċċata tal-Librerija Pubblika fi Triq Vajrinġa Victoria fejn Pawlu għadda biċċa kbira minnn ħajtu bħala l-Librar ewlieni fejn ħadem  u stinka biex jara din l-istituzzjoni tikber u tissaħħaħ.  Imma Pawlu ma baqax magħluq bejn l-erba’ ħitan tal-uffiċċju tiegħu mdawwar bil-kotba.  Fil-belt Victoria ħafna jiftakruh bħala Sindku ħabrieki li stinka kemm felaħ biex jara din il-Belt miexja ħafna ’l quddiem; stinka biex iżommha dejjem nadifa u jagħti direzzjoni lit-traffiku tqil u goff li kien jgħaddi minn ġo fiha.  Kellu enerġija u sens ta’ tmexxija u allura flimkien ma’ sħabu ma beżax jidħol għall-bini tat-Teatru Astra u l-Każin La Stella li għal ftit ma nfetħux mir-Reġina tal-Ingilterra.

Għal qalbu kellu wkoll il-ġid u l-isem tal-Knisja ta’ San Ġorġ u ma straħx qabel ma din il-Knisja ngħatat it-titlu ta’ Bażilika.  Ħadem spalla ma’ spalla mal-eks Arċipriet Mons. Emanuel Mercieca biex din il-parroċċa fiċ-ċentru ta’ beltna tingħata l-unur li jixirqilha wara li tagħti tant servizz mhux biss lill-parruċċani imma wkoll lin-nies mill-irħula li ta’ kuljum jiġu r-Rabat għal qadjiet varji tagħhom, lil tant Maltin u  anke barranin li ma jistgħux ma jidħlux jagħtu titwila lil dan it-tempju hekk miżmum tajjeb imżejjen bl-opra tal-Bernini u bi statwa fl-injam ta’ Mastru Pawl Azzopardi li matul it-tielet ġimgħa ta’ Lulju ssirilha festa mill-ikbar.  Kien ukoll l-organizzatur tal-Astra Tours u jekk tridu ssaqsu għall-ħila tiegħu f’dan il-qasam, staqsu lil tant ġitanti li siefru miegħu matul is-snin.  Dan kien Pawlu Cassar li naf jien li ħalla warajh binja li ssebbaħ Triq Vajrinġa u li issa tinsab tibki t-telfa tiegħu u ma tistax ma tiftakarx fih kull meta tgħaddi minn quddiemha.  Imma kif nafu Ċensa l-Mewt ma ġġib ħniena lil ħadd u l-minġell kiefer tagħha ma jħares lejn wiċċ ħadd u sew jekk int Prim Ministru u sew jekk int purtinar trid tgħaddi minn dan il-pass. Ċert li Pawlu fil-ftit jiem li dam fuq is-sodda tal-isptar dar lejn San Ġorġ li tant ħabb u talbu jgħinu jipprepara ruħu għal dan l-aħħar pass fil-ħajja tal-bniedem.  Mulej issa agħtih il-grazzja li jiltaqa’ ma’ dan il-Megalomartri li tant ħabb u ħadem għalih! Grazzi lill-Arċisqof Monsinjur Alfred Xuereb, Nunzju Appostoliku għal Korea li għoġbu jmexxi l-Konċelebrazzjoni tal-funeral fil-Knisja Bażilika ta’ San Ġorġ, għal ruħu. Arrivederċi għażiż Pawlu!  Ma ndumux ma niltaqgħu!

Kav Joe M Attard

emarjos@hotmail.com