Arriva tħallas aktar minn €70,000 kuljum flok il-bendy buses

Il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi qal li għal kull karozza li bħalissa qed tintuża minflok bendy bus, il-kumpanija Arriva qed tħallas madwar €55 kull siegħa lill-operatur UBS (Unscheduled Bus Service) li min-nhar l-Erbgħa beda jopera karozzi oħra minflok il-bendy buses.

Dan ifisser li l-Arriva qed tħallas madwar €3,740 fis-siegħa lill-UBS, jiġifieri €70,000 kuljum biex l-operatur privat jagħmel tajjeb għat-68 bendy bus li tneħħew mit-toroq.

Fuq Radju RTK, il-Ministru Mizzi sostna li r-rapport ta’ investigazzjoni dwar in-nirien tal-bendy buses jrid ikun lest sa mhux aktar tard minn nhar il-Ġimgħa li ġej, hekk kif illum il-Maġistrat ta l-permess biex tibda l-investigazzjoni.

Jirriżulta li qed jiġu spezzjonati wkoll il-kumplament tal-karozzi tal-Arriva.

Mill-flotta tal-karozzi tal-UBS, il-Ministru qal li ġew irtirati mit-toroq dawk il-karozzi hekk imsejħa “vintage” li kienu jintużaw għat-turisti. Sostna li għamel talba lil UBS biex jibda jirtira mit-toroq dawk il-karozzi li m’għandhomx arja kkundizzjonata.

Saħaq li l-Gvern mhu se jagħti l-ebda sussidju lill-Arriva għall-inċidenti li kellha u dan “għax l-inċidenti li ġraw kienu tort tal-kumpanija u mhux tal-Gvern”.

Mistoqsi dwar in-nuqqas ta’ aċċessibiltà li qed isibu l-persuni anzjani u persuni b’diżabilità, il-Ministru qal li filwaqt li jaf li dan mhux l-aħjar servizz li jista’ jingħata, insista li se jagħmel l-aħjar li jista’ biex itejjeb is-sitwazzjoni preżenti.