Aġġornata (2): Operatur privat se jaħdem ir-rotot tal-bendy buses

19:18pm: Minn għada, l-operatur tat-trasport privat UBS (Unsheduled Bus Service) se jkun qed jaħdem ir-rotot tal-bendy buses tal-Arriva.  Dan biex is-servizz tat-trasport pubbliku ma jintlaqatx ħażin wara li l-kumpanija Arriva llejla se tirtira mit-toroq it-68 bendy bus li għandha.

Arriva qablet li tiffinanzja hi stess l-ispejjeż addizzjonali neċessarji ħalli jkun jista’ jiġi operat dan is-servizz.

Dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu wara diskussjonijiet bejn il-Ministru għat-Trasport  Joe Mizzi, iċ-Ċermen ta’ Transport Malta James Piscopo u l-kumpanija Arriva.

 

Aktar kmieni: Il-Ministeru għat-Trasport talab biex mil-lejla stess l-Arriva tirtira mit-toroq il-bendy buses kollha li għandha. 

Din it-talba urġenti saret waqt laqgħa bejn il-Ministeru għat-Trasport, Transport Malta u l-kumpanija Arriva.

Dan wara li f’temp ta’ ftit sigħat bendy bus oħra ħadet in-nar waqt li kienet fuq xogħol fix-Xemxija.

Sar qbil ukoll illi biex tiġi assigurata s-sigurtà neċessarja titqabbad istituzzjoni rikonoxxuta internazzjonalment, indipendenti mill-Arriva u Transport Malta, sabiex fi żmien propizju tagħmel iċ-ċertifikazzjonijiet kollha meħtieġa fuq il-bendy buses indipendentament minn ċertifikazzjonijiet oħrajn li l-Arriva hija mitluba li tkompli tagħmel.

Sadanittant l-investigazzjonijiet minn kummissjoni ta’ esperti indipendenti se jitkomplew.

Fis-sigħat li ġejjin il-Ministeru u Transport Malta se jkomplu għaddejin bit-taħdidiet kemm mal-Arriva kif ukoll ma’ operaturi fis-settur sabiex tinstab soluzzjoni adegwata li tnaqqas mill-inkonvenjent li jista’ jinħoloq fis-servizz minħabba s-sospensjoni tas-servizz tal-bendy buses.

Aktar kmieni llum, il-General Workers’ Union talbet lill-Arriva biex tirtira l-bendy buses kollha mis-servizz sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet dwar dawn l-inċidenti. Il-GWU qed titlob ukoll isirulhom il-modifikazzjonijiet meħtieġa.