Arriva b’telf ta’ €35 miljun

Fl-ewwel sentejn tal-operat tagħha, il-kumpanija Arriva għamlet telf ta’ €35 miljun. Il-ġurnal MaltaToday irrapporta li l-kumpanija ma ċaħditx it-telf ta’ miljuni li saru sa mis-sena 2011 u dan minkejja s-sussidju li l-kumpanija tingħata mill-Gvern biex topera s-sistema tat-trasport pubbliku.

Jirriżulta li sentejn ilu, il-kumpanija Arriva għamlet telf ta’ €16-il miljun filwaqt li s-sena li għaddiet għamlet telf ta’ €20 miljun. Ir-rapport ikompli jgħid li dawn il-figuri jagħmluha diffiċli biex il-kumpanija tkompli tonora l-kuntratt t’għaxar snin li hemm miftiehem.

Meta mitlub jikkummenta, l-Kap Eżekuttiv tal-Arriva Mark Bowd qal li filwaqt li kien bidu diffiċli għall-kumpanija Arriva, dan ma jfissirx li s-sitwazzjoni ħa tibqa kif inhi. Hu qal ukoll li l-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi jaf bis-sitwazzjoni u qed jaħdem magħhom sabiex jissolvew diversi kwistjonijiet.