Read in English.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo wiegħed “il-lealtà assoluta” tiegħu lill-Kap il-ġdid tal-PN Bernard Grech. Arrigo kien wieħed mid-deputati li baqgħu jappoġġjaw lil Adrian Delia tul l-aħħar xhur wara sensiela ta’ voti ta’ sfiduċja fih bħala Kap tal-PN.
Fl-aħħar ġimgħat tal-kampanja huwa kien ukoll appella lill-Kummissjoni Elettorali biex tipposponi l-elezzjoni għal Kap minħabba l-pandemija, iżda din il-proposta ma ntlaqgħetx.
Fuq Facebook Arrigo stqarr li huwa diġà ltaqa’ ma’ Bernard Grech. Qal li l-elezzjoni ġenerali li jmiss hija kruċjali hekk kif għandha ssir ħidma mill-PN biex il-Gvern Laburista ma jġibx iż-żewġ terzi fil-Parlament.
Qal li għada jibda staġun parlamentari ġdid li fih skontu, se jkompli jinkixef il-qerq tal-Gvern kull ġimgħa jekk mhux kuljum.