Arresti fl-Awstralja waqt protesti kontra l-lockdown

Il-Pulizija fl-Awstralja għamlet għexieren ta’ arresti qalb protesti li għaddejjin fil-pajjiż kontra l-lockdown. Mijiet ta’ persuni qed jinġabru f’żoni differenti madwar l-Awstralja.

Siti internazzjonali qed jirrapurtaw kif f’Melbourne madwar 300 persuna ħarġu fit-toroq fi protesta, fl-istess waqt jiksru l-miżuri stretti li ilhom fil-pajjiż għal xahar. Intant, saru protesti simili fi Brisbane, Perth, Sydney, Adelaide.

Il-Prim Ministru Scott Morrison qal sa Diċembru, tmien stati fil-pajjiż se jkunu qed jiftħu l-fruntieri tagħhom għal vjaġġar intern fl-Awstralja. Hu ssuġġerixxa li eventwalment ikun diskuss xi tip ta’ possibilità ta’ vjaġġar minn u lejn New Zealand biex it-turiżmu jieħu spinta. Hu kompla billi wissa li l-poplu jaf ikollu jgħix b’dan il-mod fil-pajjiż għal snin twal fl-assenza ta’ vaċċin.

Bħalissa hemm aktar minn 26,000 każ ta’ coronavirus fl-Awstralja u b’kollox mietu 748 persuna.

Fil-prostesti, id-dimostranti bdew jgħajtu għall-ħelsien. S’issa l-pulizija arrestaw 15-il persuna, 14 minnhom relatati ma’ ksur tar-regoli tal-lockdown u persuna talli aggrediet uffiċjal tal-pulizija. Inħarġu wkoll 150 multa.