Arrestati ż-żgħażagħ li kissru karozzi għall-gost

L-attenzjoni tal-ġirien u l-intervent immedjat mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit tal-Pulizija wasslet għall-arrest ta’ żewġ barranin, li llum intlemħu jagħmlu ħsara fuq vetturi.
Il-vandaliżmu sar għal ħabta tas-6.15 ta’ dalgħodu fi Triq il-Ħemel fis-Swieqi minn żewġ żgħażagħ ta’ 22 u 23 sena.
Għaxart ijiem ilu, Newsbook.com.mt tella’ filmat li juri tliet żgħażagħ jagħmlu ħsara fuq vetturi pparkjati. Madanakollu f’dan il-filmat, iż-żgħażagħ bdew jitkellmu bil-Malti. Mhux eskluż li kienu taħt l-effett tal-alkoħol, hekk kif wieħed minnhom deher qed iġorr tazzi f’idejh.
Każi bħal dawn li qed jiġru ta’ sikwit minn żgħażagħ Maltin u barranin li jiffrekwentaw Paceville fi tmiem il-ġimgħa qed iwasslu għal rabja kbira fost ir-residenti fil-lokalitajiet tal-madwar bħal Pembroke u s-Swieqi.
L-għases tal-Pulizija f’San Ġiljan u s-Swieqi jirċievu bosta rapporti ta’ vandaliżmu fuq il-propjetà u l-vetturi tar-residenti.