Sitt Taljani u Malti arrestati meta niżlu mill-katamaran

Arkivji

Il-Pulizija qalet li f’anqas minn 24 siegħa, ġew arrestati sebat irġiel waqt spezzjonijiet ta’ vetturi li kienu għadhom kemm waslu Malta bil-katamaran minn Pozzallo fi Sqallija. L-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga bl-għajnuna tat-Taqsima tal-Infurzar tad-Dwana ta’ Malta arrestat sitt Taljani u Malti minn Birkirkara, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn it-23 u l-51 sena.

Il-Pulizija spjegat li f’vettura waħda li twaqqfet fl-inħawi ta’ Birkirkara, instabu 20 kilo ta’ sustanza suspettata pjanta tal-kannabis, lesta f’34 pakkett differenti moħbija fil-vettura.

Is-seba’ persuni qed jinżammu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija sabiex jgħinu fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Micallef Stafrace li ordnat inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

Mhux eskluż li l-irġiel jitressqu l-Qorti taħt arrest b’rabta ma’ din is-sejba.

Ilbieraħ filgħodu nstabu 23kg droga f’Santa Luċija u Ħaż-Żebbuġ.

Il-Ħadd li għadda seba’ persuni ġew arrestati fil-Gżira u l-Belt f’sejba oħra ta’ droga.

Aktar dettalji dalwaqt.