Arrestat wieħed mill-Maltin involut fi traffikar taż-żejt mil-Libja

Wieħed mill-Maltin li qed ikun allegat li hu involut f’ċirku kriminali ta’ traffikar taż-żejt mil-Libja ġie arrestat ftit tal-ħin ilu.
Sorsi infurmati sewwa qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-Malti ġie arrestat f’Lampedusa.
Jumejn ilu, Newsbook.com.mt irrapporta li żewġ Maltin kienu qed jgħinu fis-serq ta’ żejt minn raffinerija fil-Libja u li l-istess żejt kien qed jinbiegħ fl-Italja u pajjiżi oħra Ewropej.
Dakinhar, il-midja Taljana, fosthom il-Corriere della Sera u anke Ansa, kienu qed jirrappurtaw li ż-żewġ Maltin kienu diġà ġew arrestati.
Jumejn ilu ġie arrestat ukoll Fahmi Mousa Saleem Ben Khalifa, li l-ġurnali Taljani ddeskrivewh bħala wieħed mill-iżjed mexxejja b’saħħithom tal-milizzji Libjani assoċjati mal-ISIS.
Intant, jumejn ilu, Newsbook.com.mt bagħat jistaqsi lill-Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Kurt Farrugia, dwar din l-aħbar u jekk kienx hemm kommunikazzjoni bejn il-Gvern Taljan u dak Malti.
Sal-lum, dawn il-mistoqsijiet baqgħu mhux imwieġba.