Arrestati wara li serqu minn Sa Maison u f’Tal-Pietà

Read in English.

Erba’ persuni ġew arrestati mill-Pulziija wara li aggredew u serqu persuni oħra fil-ġonna ta’ Sa Maison u f’akwati oħra f’Tal-Pietà.

Għall-ħabta tat-3pm, il-Pulizija mill-RIU arrestaw tlett irġiel, ftit wara li allegatament attakkaw u serqu tliet persuni. Aktar tard matul dan il-lejl, il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri arrestaw raġel ieħor b’rabta mal-istess każ. Wara tfittxija li saret fuq it-tliet persuni arrestati, instabu l-affarijiet li allegatament insterqu minn fuq il-vittmi.

L-erba’ persuni ttieħdu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ bl-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Kif seħħ il-każ?

Raġel talab l-għajnuna wara li kien għadu kif ġie aggredit minn tlett irġiel. Ir-raġel ta deskrizzjoni tal-persuni li aggredewh u serquh. Waqt li l-pulizija kienu qegħdin iduru l-akwati ifittxu l-aggressuri, fi Triq Mountbatten, f’Tal-Pietà, innutaw persuna li kienet taqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat. Malli lemaħ lill-Pulizija, dan ħarab jiġri, bil-Pulizija ġrew warajh u jarrestawh fi Triq San Ġorġ Preca. Fl-istess waqt, Pulizija oħra tal-RIU lemħu liż-żewġ persuni l-oħra li ukoll qablu mad-deskrizzjoni li ngħatat u ġew arrestati fi Triq Joe Gasan, f’Tal-Pietà ukoll.

Dak il-ħin, il-Pulizija ġew avviċinati minn ġuvni, li qalilhom li kien għadu kemm għamel rapport li ġie aggredit u misruq minn tliet persuni, bl-istess deskrizzjoni li ta r-raġel lill-Pulizija. Ftit mumenti wara l-Pulizija ġew infurmati illi daħal rapport ieħor fejn anzjan ġie aggredit mill-istess persuni involuti.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija komplew fis-sigħat ta’ wara fejn ġiet identifikata persuna oħra li kienet involuta f’dan ir-reat u ġiet ukoll arrestata.

Intant, l-istess uffiċjali tar-RIU komplew bil-ħidma tagħhom b’rondi, anke bil-mixi, f’diversi toroq madwar il-Ħamrun, il-Marsa u Ħal Qormi. Waqt dawn ir-rondi l-Pulizija ħadu passi kontra numru ta’ persuni b’rabta ma’ ksur ta’ regolamenti tat-toroq.