Jinqabdu jisirqu minn karozza f’Pembroke; 2 arrestati

Żewġ persuni ġew arrestati wara li nqabdu jisirqu minn karozza f’Pembroke ilbieraħ.

Il-każ seħħ ilbieraħ fil-parkeġġ tal-Park & Ride. Il-Pulizija kienu infurmati bil-każ fit-8.30pm meta żewġ persuni dehru jaġixxu b’mod suspettuż u allegatament bdew jisirqu minn vettura tal-għamla BMW li kienet ipparkjata.

Fuq il-post marru Surġent u żewġ kuntistabbli tal-Pulizija mill-għassa ta’ San Ġiljan li nnutaw żewġ persuni ħdejn il-vettura msemmija. Malli nnutaw lill-Pulizija, iż-żewġt irġiel rikbu f’vann. Il-Pulizija għamlu tfittxijiet f’dan il-vann fejn sabu diversi partijiet tal-BMW li rriżultaw li kienu nsterqu mill-BMW pparkjata fil-Park & Ride.

Iż-żewġt irġiel li huma ta’ 26 sena residenti s-Swieqi u ta’ 21 sena residenti x-Xagħra ġew arrestatti. Instab ukoll li kienu fil-pussess ta’ għodda li mhux qed jiġi eskluż li intużaw biex jinsterqu l-oġġetti.