Arrestati tnejn wara li trakk saq għal ġo ħanut fi Stokkolma

Il-Pulizija Żvediża arrestat żewġt irġiel b’rabta mal-attakk ta’ Stokkolma li fih trakk tal-birra baqa’ jsuq fi stabbiliment kummerċjali u qatel erba’ persuni.
L-ewwel raġel inżamm arrestat fuq suspett li wettaq l-attakk terroristiku, wara li nqabad minn fuq camera tas-sigurtà qrib il-post fejn seħħ l-attakk.
It-tieni raġel arrestat kellu wkoll rabta mal-ewwel persuna.
Il-Prim Ministru Żvediż Stefan Lofven iddeskriva dan bħala “attakk terroristiku”. Iktar minn tnax-il persuna oħra ndarbu.
It-trakk baqa’ dieħel fi stabbiliment kummerċjali ewlieni li jinsab fi Triq ir-Reġina, li hija waħda mill-iktar toroq popolari fi Stokkolma.
Il-kumpanija tal-birra li t-trakk huwa propjetà tagħha, qalet li l-vettura nsterqet waqt li t-trakk kien qed iqassam il-birra lil restorant fil-viċin.