​Arrestati għax daħħlu f’Malta €26,000

Żewġ Rumeni nqabdu minn uffiċjali tad-dwana, meta bejniethom ippruvaw idaħħlu f’Malta iktar minn €26,100 mhux dikjarati.
Ir-raġel u l-mara, ġew arrestati wara li niżlu fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta minn Istanbul.
Ir-raġel kellu fuqu €15,850, €163 f’dollari Amerikani, u €93 fi flus Rumeni. Il-mara kellha fuqha €10,000.
Il-pulizija tas-sezzjoni tal-kriminalità ekonomika qed jinvestigaw il-każ.
L-uffiċjali tad-dwana fakkru li persuni li jivvjaġġaw minn u lejn Malta, għandhom jinfurmaw lill-uffiċjali jekk ikollhom €10,000 jew aktar.