Aġġornata (3): Jinsab fjamingu fi friża. Arrestati żewġ persuni oħra

Aġġornata 8pm

Il-pulizija ta' Għawdex immexxija mill-Ispettur Frank Anthony Tabone u d-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali t'Għawdex arrestaw żewġ persuni oħra b'rabta ma' qtil ta' fjamingi. 

Barraminhekk sabu wkoll fjamingu mejjet fi friża f'residenza f'Ta' Kerċem, li rriżulta li nqatel nhar il-25 ta' Awwissu fl-inħawi ta' Kerċem. 

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Aktar kmieni

Tliet irġiel kienu arrestati b'rabta mal-każ tal-fjamingu li nqatel nhar is-Sibt li għadda għal ħabta tas-6.15 p.m. fix-Xatt l-Aħmar, fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Fessej fix-Xewkija.

Dakinhar, il-pulizija kienet infurmata li għasfur li jixbaħ wieħed minn żewġ fjamingi li ntlemħu aktar kmieni, kien inqatel minn kaċċaturi u nġabar mill-baħar minn kelb tal-kaċċa.

Minkejja li saru rondi estensivi fl-inħawi, ma nstabet ebda traċċa tal-għasfur jew tal-kaċċaturi.

Madankollu lbieraħ. wara aktar investigazzjoni mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali t'Għawdex ġew arrestati tliet irġiel, li għandhom 66, 37, u 23 sena, u li joqogħdu n-Nadur, Għajnsielem u ż-Żebbuġ, Għawdex, rispettivament.

Għalkemm l-għasfur, li huwa super-protett, s’issa ma nstabx, instabet evidenza oħra li tista’ torbot is-suspettati mal-qtil tal-fjamingu.

Kien Newsbook.com.mt li żvela dan il-każ nhar il-Ħadd li għadda wara li rċieva informazzjoni minn persuni li kienu fl-inħawi.