Arrestati 3 irġiel parti minn grupp kriminali li jdaħħal il-kokaina f’Malta

CMRU

Read in English.

Il-Pulizija qalet li arrestat tliet iriġiel li huma parti minn grupp kriminali organizzat li jimporta l-kokaina u l-kannabis lejn Malta biex jiġu traffikati fuq “skala sostanzjali”.

Fi stqarrija il-Pulizija qalet li l-arresti saru f’ħidma ta’ inqas minn 48 siegħa mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga. Tnejn mill-irġiel huma Ingliżi filwaqt li l-ieħor huwa Malti mwieled l-Ingilterra. Dawn kienu joqgħodu fin-Naxxar, Ħaż-Żabbar, u l-Imsida. L-età tagħhom tvarja bejn it-28 u s-37 sena.

Il-Pulizija qalet li fil-vettura ta’ wieħed mill-Ingliżi li joqgħod in-Naxxar instabu diversi pakketti li kien fihom il-pjanta x’aktarx tal-kannabis lesta għat-traffikar f’ammont ta’ 2 kilogrammi.

Jinstab ukoll cutting agent

Saru tfittxijiet oħra fir-residenza tiegħu fejn instabu diversi pakketti li kien fihom żewġ kilogrammi ta’ trab abjad. Minn analiżi li saret, instab li dan jista’ jkun tip ta’ cutting agent li jitħallat mad-droga kokaina biex it-traffikant iżid il-volum tas-sustanza biex jaqla’ aktar flus.

Arloġġi li jiswew il-flus

Saru wkoll tfittxijiet fir-residenza tal-Ingliż li joqgħod l-Imsida. Ma nstabux drogi imma nstabu €70,000 fi flus kontanti u żewġ arloġġi “li l-valur tagħhom huwa ta’ madwar €24,000”.

Skont il-Pulizija, it-tlett irġiel se jitressqu taħt arrest il-Qorti bejn illum u għada akkużati bl-assoċjazzjoni fit-traffikar u l-pussess aggravat ta’ mediċini perikolużi u possibilment b’akkużi dwar ħasil tal-flus.