Arrestata persuna oħra għall-ħruq ta’ residenza f’Ħal Luqa

CMRU

Read in English.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar ħruq ta’ residenza f’Ħal Luqa f’Diċembru li għadda, issoktaw fl-aħħar sigħat u kienet arrestata t-tieni persuna b’rabta ma’ dan il-każ.

Il-pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u dawk mid-Distrett ta’ Ħal Luqa, ilbieraħ arrestaw raġel ta’ 39 sena residenti Ta’ Xbiex.

Dan il-każ kien seħħ fi Triq il-Wilġa, Ħal Luqa fid-19 ta’ Diċembru, 2019 għal ħabta tat-3.30am.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-qorti illum, għall-ħabta tal-10am, quddiem il-Maġistrat Dr Ian Farrugia u se jkun akkużat, fost l-oħrajn, li rrenda ruħu kompliċi f’dan irreat.

Dwar dan il-każ, il-Pulizija diġà arrestat raġel ta’ 44 sena, residenti l-Gżira u l-għada tressaq il-qorti akkużat bil-każ, fejn wieġeb mhux ħati u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.