Arrestata l-kaptan ta’ Sea Watch 3

Reuters

Il-kaptan tal-vapur ta’ salvataġġ Sea Watch 3 ġiet arrestata fil-port Taljan ta’ Lampedusa wara battibekki sħaħ minn fuq il-baħar mal-pulizija li damu ġimgħatejn. Il-bastiment ta’ Carola Rackete, Sea Watch 3, kien qed iġorr għexieren ta’ immigranti Afrikani salvati barra mill-kosta tal-Libja.

L-awtoritajiet Taljani ma tawiex permess biex titrakka f’xi port Taljan, iżda Carola xorta waħda daħħlet il-bastiment fil-port il-Ġimgħa. Il-ministru tal-intern tal-lemin estrem Matteo Salvini qed iżomm iebes kontra l-bastimenti tas-salvataġġ tal-immigranti.

Aqra: Matteo Salvini sostna li l-persuni salvati mill-għaqda mhux governattiva li taħdem fil-qasam tat-tfittxija u salvataġġ Sea Watch għandhom jitniżżlu l-Libja.

Kmieni dalgħodu, il-Ġermaniża ta’ 31 sena ġiet iffilmjata tiġi mmanetjata mill-pulizija Taljana. Skont ix-xandar tal-istat, RAI, hi ġiet arrestata minħabba li rreżistiet vapur tal-gwerra li ma ppermettiliex tidħol fil-port. Fit-12 ta’ Ġunju, il-bastiment kien salva  53 immigrant barra mill-kosta tal-Libja. L-awtoritajiet Taljani diġà kienu ħadu 13 minnhom fuq l-art minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Aqra: Rackete saret simbolu ta’ sfida fil-media Taljana hekk kif qed tisfida l-policy tal-Ministru għall-Intern Matteo Salvini.