Arrestat żewġ il-mara li nżammet maqfula taħt l-art

Ir-raġel ta’ Natalie Williams ġie arrestat wara li martu ta' 46 sena nstabet ilbieraħ filgħaxija fl-inħawi tar-Rinella, il-Kalkara.
Hija kienet ġiet irrappurtata nieqsa mill-qraba tagħha fid-29 ta' Ottubru. 
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher li Williams kienet ilha tlett ijiem tinżamm maqfula taħt l-art. 
Hija nstabet wara li l-Pulizija ssejħet fuq il-post biex twaqqaf ġlieda bejn ir-raġel ta’ Williams u l-qraba tagħha.
Jidher li wara l-argument, ir-raġel allegatament ammetta lill-membri tal-pulizija li kien qed iżomm lil martu maqfula, u wassalhom fil-post.
Il-mara ttieħdet l-isptar minnufih, fejn ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali, filwaqt li l-Pulizija qalet li għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet.