Arrestat wara li wettaq 4 serqiet armat b’sikkina f’San Ġiljan u Ta’ Xbiex

Read in English.

Kmieni dalgħodu l-Pulizija arrestat raġel ta’ 27 sena li allegatament wettaq erba’ serqiet, waħda f’Ta’ Xbiex nhar it-30 ta’ Settembru u tlieta f’San Ġiljan matul il-lejl li għadda. Allegatament hu kien armat b’sikkina.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li lbieraħ fl-10pm, raġel ta’ 46 sena residenti Pembroke u mara ta’ 40 sena residenti l-Belt Valletta, daħlu fl-Għassa ta’ San Ġiljan u rrapportaw li waqt li kienu fi Triq id-Dragunara, San Ġiljan, mar fuqhom raġel, allegatament armat b’sikkina, serqilhom ammont ta’ flus kontanti u ħarab minn fuq il-post. Ħadd mill-vittmi ma weġġa’.

Il-Pulizija immedjatament bidet l-investigazzjonijiet tagħha madwar il-każ, iżda għal ħabta ta’ 11.45pm, raġel ta’ 29 sena residenti l-Imġarr, irraporta fl-Għassa ta’ San Ġiljan u stqarr li kien għadu kemm ġie aggredit minn raġel, allegatament armat b’sikkina, fi Triq Spinola, San Ġiljan, li talbu jtih il-flus. Il-vittma sofra ġrieħi f’idu bis-sikkina u ttieħed f’ċentru tas-saħħa għal kura meħtieġa.

Ir-raġel kien deskritt bl-istess mod mill-vittmi. Minn hemm, il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan, assistiti mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tar-Rapid Intervention Unit (RIU), bdew tfittxijiet.

Waqt li kienet qiegħda ssir din it-tfittxija, għall-ħabta ta’ 12.30am daħal rapport ieħor, li raġel ta’ 44 sena residenti Wied il-Għajn, kien għadu kemm ġie misruq minn persuna li allegatament kienet armata b’sikkina. Il-vittma ma weġġax.

Waqt li kienet għaddejja t-tfittxija, il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri bdew janalizzaw filmati ta’ kameras tas-sigurtà li hemm fl-akwati, u permezz tagħhom, identifikaw il-persuna suspettata li allegatament wettqet dawn it-tliet serqiet.

Il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, flimkien ma’ tad-Distrett u tar-RIU, marru fir-residenza tiegħu f’San Ġiljan, fejn instab ġewwa u ġie arrestat. Minn tfittxija li saret fir-residenza l-Pulizija sabu s-sikkina li allegatament intużat f’dawn is-serqiet, ħwejjeġ li deher liebes fil-filmati tas-sigurtà u oġġetti oħra relatati.

Ir-raġel ġie arrestat u ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana għal aktar investigazzjonijiet.

Intant, waqt dawn l-investgazzjonijiet, irriżulta li l-istess persuna, allegatament, wettqet serqa oħra fit-30 ta’ Settembru, 2020, fi Triq l-Abate Rigord, Ta’ Xbiex. Dak in-nhar, għall-ħabta tal-11.30pm, koppja Ingliża, raġel ta’ 62 sena u mara ta’ 63 sena, ġew aggrediti min raġel u serqilhom xi flus li kellhom fuqhom.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, filwaqt li r-raġel mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem illi ġejjin.