Arrestat wara li wasal Malta b’€35,000 mhux iddikjarati

Raġel ġie arrestat malli wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li uffiċjali tad-Dipartiment tad-Dwana skoprew li kellu fuqu kważi €35,000 mhux iddikjarati.

Ir-raġel wasal Malta mit-Tuneżija kmieni dalgħodu u qal li ma kellu xejn x’jiddikjara mad-Dwana. Madanakollu, mal-ispezzjonijiet instab li r-raġel kellu fuqu total ta’ €34,705.

Hu ngħata lura €10,000 filwaqt li l-bqija tal-flus ġew ikkonfiskati sakemm ikomplu l-investigazzjonijiet. Dwar il-każ ġiet mgħarrfa s-sezzjoni tal-Pulizija kontra l-Ħasil tal-Flus li arrestat lill-passiġġier.