Arrestat wara li spara fuq ċikonja sewda

Raġel ġie arrestat ilbieraħ filgħaxija wara li allegatamet spara lejn ċikonja sewda li hija tajra protetta.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li għall-ħabta tas-7.15pm, il-pulizija mis-sezzjoni tal-Infurzar tal-Liġi Amministrattiva (ALE), irċeviet rapport li fl-inħawi taż-Żebbiegħ instemgħu żewġ tiri li x’aktarx kienu mmirati fuq tajra protetta.

Il-Pulizija ġiet infurmata wkoll li fuq il-post fejn instemgħu t-tiri kien hemm vettura li possibilment kient tal-istess persuna li spara t-tiri. Il-Pulizija tal-RIU aktar tard waqqfu l-vettura inkwistjoni li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 32 sena, fl-inħawi tal-Għargħur.

Ir-raġel li joqgħod l-Imsida ġie arrestat u wara li saret tfittxija fil-karozza, instabet arma tan-nar immodifikata, li kienet ikkargata u moħbija f’kompartament wara s-seat tal-karozza. Il-Pulizija għamlet ukoll tfittxijiet fir-residenza tar-raġel fl-Imsida u minn hem ġew elevate arma tan-nar u xi oġġetti oħra.

Is-suspettat ittieħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u qed jinżamm għal aktar stħarriġ. Hu se jitressaq il-Qorti fil-ħin li ġej.