Arrestat wara li seraq l-ilma minn latrina pubblika

Wara rapport anonimu, il-pulizija arrestat raġel fuq serq t’ilma minn latrina pubblika magħluqa.

Il-każ seħħ il-bieraħ għall-ħabta tas-7.30 pm, f’Xatt il-Braken fil-Marsa.

Mal-wassla tal-pulizija tad-distrett fuq il-post, instab van abjad ipparkjat maġenb il-latrina pubblika. Għalkemm mad-daqqa t’għajn deher abbandunat, kien innutat pipe ħiereġ minn tank tal-elf litru mgħobbi fil-vettura u mqabbad mal-main tal-gvern.

Wara aktar stħarriġ mill-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta, kien intraċċat sid il-van, li kien arrestat għal aktar investigazzjoni.