Jallega li l-pulizija poġġewlu d-droga fil-karozza; jheddidhom li jmur ifittixhom

Aġġornat 03:13 PM

Żagħżugħ ta’ 22 sena kien arrestat mill-Pulizija waqt ronda li kienu qed jagħmlu l-Pulizija tad-Distrett ilbieraħ. Hu saq ħażin, kellu fuqu d-droga u hedded lill-Pulizija. Fil-qorti allega li kienu l-pulizija li poġġewlu d-droga fil-karozza.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li ż-żagħżugħ li hu resident San Ġiljan inqabad fil-pussess ta’ sustanza illegali, li allegatament hija droga. Aktar tard irriżulta li kellu fuqu 262 gramma kannabis, li jindika li ma kinitx għall-użu tiegħu biss. Saret ukoll tfittxija fir-residenza fejn jgħix iż-żagħżugħ u hemm instabu basket u borża b’ammont sostanzjali ta’ sustanza, allegatament droga, kif ukoll miżien u oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga.

Waqt ir-ronda tagħhom f’San Ġwann, il-Pulizija nnutaw vettura tinstaq kontra l-‘one way’ fi Triq il-Kappella. Il-Pulizija segwiet din il-vettura u twaqqfet ftit wara fi Vjal Riħan. Irriżulta wkoll li s-sewwieq kien qed isuq mingħajr liċenzja tas-sewqan u jaġixxi b’mod suspettuż.

Għaldaqstant, ġie akkużat li saq mingħajr liċenzja u mingħajr polza ta’ assigurazzjoni, kif ukoll li kiser ir-regolamenti tat-traffiku. Huwa akkużat li għamel dan waqt li qed jiskonta sentenza sospiża.

L-Ispettur Joseph Xerri qal fil-qorti li apparti li l-akkużat allega li l-pulizija poġġewlu d-droga fil-karozza, qal ukoll li meta joħroġ mill-ħabs se jibgħat in-nies biex ifittxuhom.

L-akkużat wieġeb li mhux ħati tal-akkużi. Il-Maġistrat Lia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur tliet pulizija.