Arrestat wara li pprova jweġġa’ Pulizija f’San Ġiljan

CMRU

Read in English.

Dalgħodu l-Pulizija arrestat raġel ta’ 32 sena wara li pprova jweġġa’ uffiċjali tal-Pulizija meta ssejħu minħabba rapport ta’ ksur ta’ ordni pubblika.

Għall-ħabta tal-5.30am, il-Pulizija ta’ San Ġiljan intalbu jassistu f’lukanda fi Triq Schreiber f’San Ġiljan wara li wieħed mir-residenti fil-lukanda kien qed jagħmel l-istorbju. Hu ġie mitkellem mill-Pulizija u aċċetta li joħroġ mil-lukanda. Iżda sagħtejn wara, reġa’ rritorna.

Ir-raġel ma tħalliex jidħol mill-impjegati tal-istess lukanda. Kif ra hekk, ir-raġel li huwa Spanjol qaleb mutur li kien ipparkjat quddiem il-lukanda. Il-Pulizija ntalbet tassisti mill-ġdid. Malli ra l-Pulizija, ir-raġel beda jinsulentahom u ħarab jiġri minn fuq il-post.

Huwa nqabad fi Triq Gort, iżda pprova jirreżisti l-arrest. Hu allegatamnet beda jagħti lill-Pulizija bis-sieq, beżqilhom, kif ukoll kien se jigdem kuntistabbli ieħor. Ir-raġel ittieħed l-Għassa ta’ San Ġiljan taħt arrest u minn tfittxija li saret instab fil-pussess ta’ sustanza kulur aħdar suspettata droga. Hu mbagħad ġie skortat lejn il-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Furjana għal aktar investigazzjonijiet.

Hu se jkun qed jitressaq il-Qorti għada.