Arrestat wara li pprova jweġġa’ 2 pulizija fl-Imqabba

Read in English.

Żagħżugħ kien arrestat wara li matul il-lejl li għadda pprova jweġġa’ żewġ membri tal-Pulizija tal-RIU meta kien imwaqqaf fl-Imqabba.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li matul il-lejl illi għadda, waqt ronda fil-limiti tal-Imqabba, il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit arrestat liż-żagħżugħ ta’ 23 sena, wara li pprova jsuq għal fuq il-pulizija meta twaqqaf minħabba li kien qiegħed isuq b’veloċità eċċessiva.

Kienu għall-ħabta tas-1am x’ħin il-Pulizija nnutaw il-vettura tinstaq b’manjiera perikoluża fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, fl-Imqabba. Iż-żewġ Uffiċjali li kienu fil-vettura tas-servizz resqu mal-ġenb sabiex jevitaw ħabta u kien hawn li l-Pulizija bdew isegwu l-karozza, iżda s-sewwieq injora s-sirena u żied fil-veloċità.

Il-pulizija rnexxielhom iwaqqfu l-vettura fi Triq il-Belt Valletta, fl-Imqabba u ordnaw lix-xufier biex joħroġ immedjatament minnha. Iżda huwa pprova jaħrab billi isuq għal fuq il-Pulizija. Il-Pulizija tar-RIU rnexxielhom iżommu lix-xufier u ħarġuh mill-karozza, madankollu baqa’ jkun aggressiv fil-konfront tagħhom u ma bediex jikkopera. Hu allega wkoll li kien bela xi sustanzi llegali.

Għaldaqstant issejħet ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei. Iż-żewġ Pulizija tar-Rapid Intervention Unit ingħataw kura fiċ-Ċentru tas-saħħa tal-Furjana fejn aktar tard kienu ċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.