Arrestat wara li pprova jistupra tfajla fis-Swieqi

Il-Pulizija fl-Għassa ta’ San Ġiljan arrestaw raġel barrani li pprova jistupra tfajla Maltija.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li t-tfajla ċemplet lill-Pulizija biex tinfurmahom li kienet se tiġi stuprata.
Meta waslu fuq il-post, il-Pulizija sabu lit-tfajla flimkien ma’ ommha.
Hija kienet qed tibki filwaqt li bdiet tirrakkonta kif ir-raġel ried jistupraha u beda jqattalha l-ħwejjeġ.
Il-każ seħħ fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu għall-ħabta tal-4.30 meta t-tfajla kienet fi stabbiliment tad-divertiment f’Paceville.
Ir-raġel mar fuqha u beda jagħtiha fastidju u għalhekk it-tfajla ddeċidiet li titlaq u tmur lura d-dar.
Ġara li r-raġel beda jsegwiha, sakemm irnexxilu jaħtafha u jżommha bil-forza billi jżommha mal-art.
Kien hawnhekk li pprova jistupraha. It-tfajla bdiet tirreżisti u rnexxilha taħrab u r-raġel telaq mill-post. 
Aktar tard, bl-għajnuna tat-tfajla, il-Pulizija rnexxilhom isibu lir-raġel fl-inħawi ta’ Paceville fejn ġie arrestat.
Meta kien fl-Għassa ta’ San Ġiljan għall-interrogazzjoni, ir-raġel irnexxilu jaħrab sakemm reġa ġie arrestat fi Triq San Ġorg.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li r-raġel irreżista l-arrest u li ħebb għall-uffiċjali tal-Pulizija.
Ir-raġel barrani mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin. 

Ritratt: Media Police