Arrestat wara li nqabad jikkaċċja illegalment

Membri tal-Administrative Law Enforcement (ALE) arrestaw kaċċatur u kkonfiskawlu l-arma tan-nar wara li lbieraħ inqabad fuq filmat jikkaċċja illegalment f’Wied Ħanżir f’Ħal Farruġ.
Fi stqarrija, il-CABS qalet li l-kaċċatur huwa parti mill-grupp ta’ tliet irġiel li kienu qed imorru għall-kaċċa minkejja li l-istaġun tal-kaċċa għalaq il-Ġimgħa li għadda.
Spjegaw li r-raġel ġie arrestat waqt ħidma ta’ sorveljanza li wettqu l-uffiċjali tagħha wara li xi nies semgħu bosta tiri.
Hija allegat li l-kaċatturi qed imorru jistaħbew f’żoni mwarrba u jgħarrfu lil xulxin bir-radju meta jitfaċċa xi għasfur jew pulizija.
Uffiċjal tal-CABS qal li bħalissa jinsabu għaddejjin b'ħidma undercover f’diversi postijiet minħabba kaċċa illegali.
Intant kaċċatur weħel multa ta’ €5,000 u revoka permanenti tal-liċenzja tal-kaċċa għal għomru wara li nqabad jipprattika kaċċa illegali.