Arrestat wara li laqat tliet karozzi fl-Isla mal-lejl

Raġel mill-Isla ġie akkużat fil-Qorti li fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd saq b’mod traskurat u laqat tliet karozzi oħra u ġarrbilhom ħsarat.

Ir-raġel ta’ 38 nstab li huwa riċediv kif ukoll li kiser kundizzjonijiet marbuta mal-ħelsien mill-arrest, fuq żewġ sentenzi li ngħata. Huwa kien arrestat mal-lejl fl-Isla stess u tressaq il-Qorti llum waranofsinhar.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

L-avukat difensur qal lill-Qorti li l-klijent tiegħu kellu bżonn għajnuna psikoloġika li ma jistax isibha fil-ħabs. Huwa għalhekk talab li jinżamm fl-isptar Monte Karmeli fit-taqsima forensika.

Il-prosekuzzjoni laqgħet din it-talba.

Il-Maġistrat min-naħa tagħha talbet lid-Direttur tal-Qorti li jagħmwel l-eżamijiet prikoloġiċi lill-akkużat biex jiġi determinat jekk għandux jittieħed fl-isptar Monte Karmeli jew jibqa’ fil-ħabs.