Arrestat suspettat ieħor tal-qtil doppju f’Tas-Sliema

Ritratt fl-isfond: Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Tard ilbieraħ, għall-ħabta tal-11pm il-Pulizija mis-sezzjoni tar-Reati Maġġuri arrestaw raġel ieħor suspettat li kien involut fil-qtil doppju f’Tas-Sliema.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li kellha informazzjoni li persuna involuta f’dan id-delitt kien qed jistaħba ġewwa lukanda fil-Gżira. Wara ħin fuq il-post isegwu l-movimenti tiegħu, il-post ġie ċċirkondat u bdiet l-operazzjoni. Malli r-raġel induna bil-preżenza tal-Pulizija huwa pprova jaħrab iżda kien arrestat immedjatament.

Ir-raġel qiegħed jinżamm għal aktar stħarriġ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għadejjin.

Sadanittant ir-raġel li kien arrestat fil-Furjana għadu qed jinżamm mill-Pulizija u mistenni jiġi akkużat il-Qorti aktar tard illum.