Arrestat raġel talli seraq makkinarju tal-iskavar

CMRU

Il-Pulizija arrestat raġel b’rabta ma’ serq ta’ makkinarju tal-iskavar.

Ir-raġel ta’ 49 sena residenti l-Mosta allegatament seraq dan il-makkinarju minn sit ta’ kostruzzjoni fi Triq l-Erba’ Qaddisin f’Ħal Qormi fil-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis. Il-Pulizija ġiet infurmata fl-10am.

Il-Pulizija bdiet bl-investigazzjoni tagħha u xi ħin wara, daħlitilha informazzjoni li l-makkinarju jista’ jkun qiegħed f’razzett fl-Imtaħleb, fil-limiti tar-Rabat. Siegħa biss wara li sar ir-rapport, il-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi, assistiti mill-Pulizija tad-Distrett tar-Rabat u tar-Rapid Intervention Unit (RIU), marru fuq il-post u hemmhekk sabu lir-raġel ta’ 49 sena u l-makkinarju misruq.

Il-Pulizija għamlet tfittxija madwar ir-razzett u nstabu vetturi oħra, uħud minnhom żarmati, li kienu rrappurtati misruqin bejn Marzu u Lulju ta’ din is-sena.

Ir-raġel ġie arrestat u ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali fil-Furjana għal
aktar investigazzjonijiet.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke fetħet inkjesta maġisterjali fuq il-każ.