6 hold-ups fi 11-il jum: heddidhom li jisplodi bomba

Aġġornat 04:36 PM

Read in English.

Raġel suspettat li wettaq sitt hold-ups fi 11-il jum qed jinżamm arrestat wara li l-Qorti semgħet li hu hedded lill-vittmi li jagħmel splużjoni jekk iċemplu lill-pulizija.

Il-Marsi ta’ 39 sena li ma jaħdimx ġie arrestat fil-lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda. Is-sitt hold-ups saru fil-Gżira, fl-Iklin, tnejn f’Ħal Qormi u tnejn f’Tas-Sliema bejn is-7 u s-16 ta’ Jannar.

Fil-qorti nstema’ li l-akkużat wettaq il-hold-ups bl-użu ta’ sikkina bħala arma u kien jilbes barnuża f’rasu. Kien ipoġġi kaxxa fuq il-bank tal-ħwienet li pprova jisraq u jgħidilhom li dik bomba u li se jisplodiha jekk xi ħadd minnhom ifettillu jċempel lill-pulizija.

Eventwalment, il-pulizija sabu li ġol-kaxxa kien hemm biss ġebla, xi kotba jew xi ħaġa oħra tqila.

L-ewwel attentat ta’ serq ġara f’Ħal Qormi fis-7 ta’ Jannar. Fl-istess jum, is-suspettat allegatament seraq il-pjanċi ta’ Mercedes ipparkjata ġo għalqa fiż-żona Tal-Ħlas f’Ħal Qormi. Il-hold-ups l-oħra saru fi tliet lukandi f’Tas-Sliema u l-Gżira u ġo ħanut ieħor f’Ħal Qormi. L-aħħar wieħed kien ġo spiżerija fl-Iklin nhar il-Ħamis li għadda.

Huwa ġie akkużat b’serq, li żamm lin-nies kontra l-volontà tagħhom, li heddidhom u li saq karozza bi pjanċi foloz. Huwa wieġeb mhux ħati u ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.