Arrestat raġel li nqabad bl-eroina f’Għawdex

Raġel ġie arrestat fir-Rabat, Għawdex, għax inqabad bl-eroina bis-suspett li kien beħsiebu jittraffikaha.

Ir-raġel ta’ 55 sena mir-Rabat stess ġie arrestat ilbieraħ permezz ta’ ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga.

Fil-pussess tiegħu nstabu qratas suspettati li huma droga eroina li juru li ma kinitx għall-użu personali tiegħu. Fir-residenza tar-raġel instab qartas ieħor suspettat li fih droga simili għal dik li nstabet fuqu, ammont ta’ flus kontanti u anke miżien.

Il-Maġistrat tal-Għassa Brigitte Sultana fetħet inkjesta dwar il-każ. Ir-raġel mistenni jitressaq il-qorti llum stess akkużat bit-traffikar u l-pussess aggravat tal-eroina, li kkommetta t-tali reati f’distanza ta’ inqas minn 100 metru ta’ post fejn jiltaqgħu iż-żgħażagħ u li sar reċediv.