Sentenza sospiża għar-raġel li wettaq serqa f’San Ġiljan

Aġġornat 05:37 PM

Read in English.

Raġel ġie arrestat ilbieraħ b’rabta mas-serqa li seħħet jumejn ilu f’San Ġiljan. Fil-qorti huwa wieġeb ħati għall-akkużi u ngħata sentenza ta’ 18-il xahar sospiża għal erba’ snin.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li Rumen ta’ 30 sena ġie arrestat mill-Pulizija fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’rabta ma’ każ ta’ serqa li seħħ fit-22 ta’ Diċembru fi Triq Ġorġ Borg Olivier.

Il-Ħadd li għadda, il-Pulizija ġiet infurmata b’serqa minn ħanut f’din it-triq. Ir-raġel li huwa ħaddiem fl-istess ħanut, allegatament seraq ammont ta’ flus kontanti kif ukoll numru ta’ ċekkijiet. Minn aktar investigazzjonijiet, il-Pulizija rriżultala li r-raġel kien se jaħrab minn Malta lbieraħ filgħaxija permezz ta’ titjira lejn ir-Rumanija.

Il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata b’dan u ħarġet mandat ta’ arrest. Ir-raġel imbagħad ġie arrestat qabel ma kien se jaqbad it-titjira. Mal-arrest il-Pulizija għamlet tfittxijiet fuq ir-raġel u nstab fil-pussess ta’ ammont ta’ droga kokaina u ecstasy.

Hu ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana għal aktar investigazzjonijiet. Hu mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin.

Fil-Qorti

Aktar tard, huwa tressaq il-qorti, fejn wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-Maġistrat tatu sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiża għal erba’ snin, multa ta’ €700 u jrid iħallas lill-vittma €325.30.