Aġġornata: Arrestat raġel bi kwantità kbira ta’ sigaretti bla dazju

Raġel ġie arrestat wara li nstab bi kwantità kbira ta’ kaxxi mimlijin bis-sigaretti li kienu bla dazju.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li għall-ħabta tal-05:15 am il-Pulizija tal-Għassa tal-Qawra ġew infurmati li fuq il-moll fi triq San Pawl, San Pawl il-Baħar kien hemm vettura li dehret tgħabbi xi affarijiet minn fuq dgħajsa u li “din l-attività dehret suspettuża”.

Il-Pulizija marru fuq il-post u sabu vann bi kwantità kbira ta’ kaxxi mimlijin bis-sigaretti bla dazju.

Kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li ma setax jikkonferma kemm instabu sigaretti.

Intant rapporti fil-midja mhux konfermati indikaw li d-dgħajsa instabet abbandunata ma’ moll fix-Xemxija.