Arrestat kritiku ta’ Putin; rilaxxat ftit wara fi Spanja

In-negozjant Ingliż Bill Browder, kritiku prominenti tal-Kremlin, ġie arrestat u mbagħad rilaxxat mill-Pulizija Spanjola lbieraħ wara li mandat għall-arrest tiegħu maħruġ mir-Russja fuq akkużi ta’ evażjoni tat-taxxa nstab li kien invalidu.
Skont ir-Reuters, il-kap tal-fond tal-investiment Hermitage Capital Management, Browder kien mexxa kampanja biex jesponi l-korruzzjoni fir-Russja. Għamilha wkoll biex ipattiha lill-uffiċjali Russi li jaħseb li kienu wara l-qtil ta’ Sergei Magnitsky, raġel li kien impjegah bħala avukat.
Qorti Russa kienet ikkundannat lil Browder għal disgħa snin ħabs f’Diċembru wara li sabitu ħati għal falliment b’intenzjoni u l-evażjoni tat-taxxa. Hu ma kiex preżenti għas-smigħ fil-qorti.
Browder qal li din kienet is-sitt darba li r-Russja abbużat mill-Interpol fil-konfront tiegħu.
Ritratt: Reuters