Arrestat: kellu d-droga u saq karozza taħt l-età

Żgħażugħ ta’ 16-il sena nstab li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kif ukoll inqabad isuq karozza f’Birkirkara. Il-Pulizija qalet li ż-żgħażugħ inqabad waqt ronda li kienet qed issir mill-iskwadra tar-Rapid Intervention Unit għall-ħabta tan-00:30am.

Il-Pulizija saqu wara l-karozza li kien qed isuq iż-żgħażugħ wara li nnutaw li kienet qed tinstaq b’veloċità eċċessiva fid-direzzjoni tal-Wied ta’ Birkirkara. Għalkemm għamlulu sinjal biex jieqaf, hu baqa’ jsuq sakemm tilef il-kontroll u baqa’ dieħel f’karozza li kienet in-naħa l-oħra tat-triq. B’konsegwenza ta’ dan, il-karozz baqgħet dieħla ġo arblu.

Skont stqarrija tal-Pulizija, mal-impatt ix-xufier deher joħroġ mill-karozza u jipprova jaħrab, iżda ġie arrestat ftit tal-ħin wara. Fil-pussess instab li kellu żewġ boroż tal-plastik u fihom kien hemm sustanza suspettata droga. Ix-xufier irriżulta li hu minn Birkirkara u għandu 16-il sena. Hu ttieħed iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta minħabba li ħass xi wġigħ kawża tal-impatt.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.