It-tabib jammetti li għadda messaġġi bejn Fenech u Schembri

Aġġornat 05:16 PM

It-tabib tal-familja ta’ Yorgen Fenech, Adrian Vella, ammetta li għadda messaġġi sigrieti lil Yorgen Fenech mingħand l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Dan ġie rrappurtat mis-sit Lovin Malta.

L-istess sit qed jgħid li ż-żjara riċenti ta’ Yorgen Fenech fl-Isptar Mater Dei setgħet saret apposta biex Schembri jkun jista’ jżomm kuntatt ma’ Fenech. Dalgħodu s-sit irrapporta li Adrian Vella ġie arrestat u interrogat mill-Pulizija, fuq suspett li kien il-messaġġier bejn Fenech u Schembri. Dan ġie kkonfermat indipendentament minn Newsbook.com.mt.

“Servizz sigriet ta’ messaġġi mingħand Schembri”

Skont l-istess sit, iż-żjara ta’ Fenech fl-Isptar Mater Dei hija marbuta ma’ dak li qed jissejjaħ “servizz sigriet ta’ messaġġi mingħand Schembri”. Jgħid ukoll li seta’ kien Fenech li qal lill-investigaturi dwar dawn ir-rabtiet, li eventwalment wasslu għall-arrest ta’ Vella.

Fuq il-mezzi soċjali, it-tabib, Adrian Vella, jidher f’ritratti jippromwovi l-prodott Pasta Rummo, li jiġi impurtat f’Malta mill-grupp ta’ kumpanija ta’ Keith Schembri. Wieħed mir-ritratti juri lil Vella fil-karozza bir-reklam tar-Rummo.

Yorgen Fenech huwa sid il-kumpanija 17 Black u li qed jiġi interrogat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hu mifhum li Fenech semma isem l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fl-interrogazzjoni tal-Pulizija,

Adrian Vella, huwa t-tabib li rrakkomanda li Fenech jiddaħħal l-Isptar Mater Dei waqt li kien qed jiġi interrogat. L-istess sit jikkwota sorsi jgħidu li Vella ġie arrestat b’rabta ma’ dan kif ukoll minħabba li possibilment xekkel il-ġustizzja. Hu mifhum ukoll li ma nżammux rekords taż-żjara ta’ Fenech l-Isptar.

Yorgen Fenech, ġie arrestat nhar l-Erbgħa li għadda, b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa nagħta l-police bail tliet darbiet f’temp ta’ ġimgħa. It-tieni darba li ħareġ bil-police bail, kien fuq struzzjonijiet tal-isptar “għax ma setax ikun interrogat fl-24 siegħa ta’ wara”.

Yorgen Fenech talab il-maħfra presidenzjali.