Arrestat ir-raġel li seraq minn spiżerija f’Ta’ Xbiex

Ir-raġel li seraq ammont ta’ flus kontanti minn spiżerija f’Ta’ Xbiex ġie arrestat mill-Pulizija u mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin. Il-każ seħħ fl-4 ta’ Diċembru li għadda. Ir-raġel għandu 34 sena u residenti l-Gżira.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalu li r-raġel kien allegat li prova jisraq l-għada ta’ dan il-każ jiġifieri fil-5 ta’ Diċembru minn fuq mara fi Triq Luqa Briffa, il-Gżira.

Huwa se jitressaq fil-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech, u se jkun akkużat b’dawn is-serqiet, fost oħrajn.