​Arrestat il-fundatur ta’ Betsson

Anders Holmgren

Il-fundatur ta’ Betsson Anders Holmgren ġie arrestat fl-Iżvezja fuq suspett li abbuża minn informazzjoni privileġġata skont il-kumpanija tal-gaming Cherry.
Cherry, li hija rreġistrata fi Stokkolma, qalet li l-Kap Eżekuttiv tagħha qed jiġi investigat mill-Awtorità Żvediża tal-Kriminalità Ekonomika.
Holmgren ġie arrestat waqt li saret tfittxija fl-uffiċini ta’ Cherry ilbieraħ.
Skont il-midja internazzjonali, Holmgren jista’ jeħel sa sitt snin ħabs.
Fi stqarrija, il-kumpanija Cherry qalet li se tkun qed tikkoopera mal-Awtoritajiet waqt li tkun qed tiġi investigata. Qalet li s-smigħ b'rabta mad-detenzjoni ta' Holmgren se jsir għada fl-4:00pm.
Holmgren ilu jservi bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ Cherry minn Jannar tal-2017. Huwa kien wieħed mill-fundaturi ta’ Betsson. Huwa kien imexxi d-diviżjoni Maltija tal-kumpanija.
Cherry qalet li sakemm isiru l-investigazzjonijiet, Gunnar Lind se jkun qed iservi bħala l-Aġent Kap Eżekuttiv.
F'Jannar li għadda, 130 ħaddiem tal-kumpanija Betsson li kienu bbażati f’Malta, tkeċċew permezz ta’ imejl. 46 minnhom kienu Maltin. 
Betsson AG kienet minn tal-ewwel kumpaniji tal-gaming li ngħatat il-liċenzja f’Malta fl-2004.
Min hu Anders Holmgren?
Anders Holmgren twieled fl-1973. Huwa studja fl-Università ta' Monaco. Kien il-Kap Eżekuttiv ta' Betsson Malta bejn l-2000 u l-2011.