Żagħżugħ arrestat għax qabeż ġol-binja tal-Ministeru tal-Ambjent

Il-pulizija sabuh jaqta' xi rummien

Żagħżugħ ġie arrestat waranofsinhar għax qabeż għal ġol-binja tal-Ministeru tal-Ambjent mingħajr awtorizzazzjoni. Jidher li kien qed jipprova jieħu xi rummien.

Kelliem għall-Pulizija informa lil Newsbook.com.mt li dan ġara fil-5.15pm, meta l-uffiċjali tas-sigurtà tal-Ministeru f’Santa Venera ntebħu mill-kameras tas-sigurtà li xi ħadd qabeż għal ġol-binja.

Meta waslu fuq il-post il-Pulizija tad-Distrett u dawk tar-Rapid Intervention Unit, dawn qabdu żagħżugħ ta’ 21 sena residenti Ħal Luqa li kien daħal fil-binja bla permess. Huwa kien qed jaqta’ xi rummien.

Il-Pulizija arrestatu u ħaditu l-għassa, u mistennija toħroġ akkużi fil-konfront tiegħu talli qabeż ġol-binja bla awtorizzazzjoni.

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia rringrazzja lill-pulizija li wettqu din il-ħidma b’kitba fuq Facebook.

Nirringrazzja lill-ħaddiema tas-sigurta' u t-taqsima tar-Rapid Intervention Unit tal-Korp tal-Pulizija li iktar kmieni llum waqqfu persuna li allegatament daħal jisraq mill-Ministeru.

Posted by Aaron Farrugia on Sunday, September 6, 2020