Arrestat għax ipprova jidħol f’karozza oħra meta kien fis-sakra

Raġel xurban ipprova jitla’ f’karozza li ma kinitx tiegħu u spiċċa f’ċella, wara li argumenta mal-uffiċjali tal-pulizija u rreżista l-arrest.

Dan ġara nhar il-Ħadd waranofsinhar meta r-raġel ta’ 40 sena mill-Qrendi kien xorob iżżejjed meta ltaqa’ ma’ sħabu f’Tal-Pietà u mbagħad, ipprova jirkeb f’karozza ta’ xi ħadd, mingħalih li kienet tiegħu.

Il-pulizija ġew infurmati li kien hemm raġel li kien qed jipprova jidħol ġo karozza, possibbilment biex jisraq. Malli waslu l-pulizija fuq il-post qamet kommossjoni, u l-akkużat allegatament ipprova jirreżisti l-arrest u kien vjolenti, hedded lil kuntistabbli tal-pulizija u weġġgħu ħafif, hu u jirrifjuta li jobdi.

L-akkużat ammetta għal dan kollu u wieġeb ħati anke li kiser il-paċi pubblika u li kien fis-sakra f’post pubbliku. L-evidenza għandha tkompli tinstema’ l-ġimgħa d-dieħla, iżda intant, ir-raġel inħeles mill-arrest b’garanzija personali ta’ €2,000 u bil-patt li jiffirma l-għassa nhar il-Ħamis.