Isibulu d-droga f’DVD fil-posta

Uffiċjali tad-Dwana sabu numru ta’ pilloli bojod moħbija ġo kaxxa tal-plastik ta’ DVD, li mill-investigazzjoni ħarġet li kienu ecstacy.
Is-sejba saret waqt scan li kien qiegħed isir fil-Maltapost. Il-pakkett li kellu fih id-DVD wasal Malta mill-Kanada u kellu jasal għand raġel ta' 40 sena minn Birżebbuġa.
Dan wassal biex il-pulizija għamlet rejd fil-garaxx tar-raġel f'Birżebbuġa wara li kienu ilhom jiem sħaħ isegwuh.
Fir-rejd, il-Pulizija sabet erba’ kilogrammi sustanza suspettata raża tal-kannabis, kilo u nofs sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis u aktar minn 100 pillola ecstasy. Huma sabulu wkoll dożi ta’ LSD u aktar minn 40 qartas b’sustanza suspettata kokaina u amfetamina. Fil-garaxx instab wkoll trab kannella li aktarx kien magic mushroom, sustanza skedata u meqjusa perikoluża u mat-€80,000 flus kontanti.
Intant quddiem il-Qorti, ir-raġel ta’ 40 sena minn Birżebuġa wieġeb mhux ħati li kien fil-pussess ta’ diversi drogi, sustanzi pprojbiti, flus kontanti, pornografija, ħasil ta’ flus u li kkorrompa minuri.
Huwa ġie mixli bi 38 akkuża fosthom importazzjoni, traffikar u pussess ta’ droga kannabis, LSD, magic mushroom u ecstasy. Kien mixli wkoll li kkorrompa erba’ subien u wettaq attività sesswali magħhom u li kien riċediv.
Fil-Qorti, il-Pulizija qalet li r-raġel inqabad meta mar il-posta jiġbor pakkett. Huma segwewh sar-residenza tiegħu, wara li kien ilhom jiem sħaħ isegwuh. Instema’ li fil-karozza miegħu kien hemm żewġt itfal mill-erba’ li kien akkużat li kkorrompiehom.

Ritratti: Dwana