Arrestat f’Bormla minħabba d-droga

Read in English.

Il-Pulizija arrestat żagħżugħ ta’ 18-il sena f’Bormla wara li nstab li kien fil-pussess tad-droga.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li lbieraħ għall-ħabta tal-4pm, il-pulizija tal-RIU kienu qed jagħmlu ronda fi Triq Alessandra fejn innutaw liż-żagħżugħ minn Bormla jaġixxi b’mod suspettuż. Malli l-pulizija avviċinawh dan ħarab lejn Triq San Mark. Il-pulizija segwewh sakemm dan waqaf quddiem residenza fi Triq Santa Liena. Hu beda jħabbat fuq il-bieb.

Iż-żagħżugħ ġie arrestat qabel ma fetaħlu xi ħadd. Saret tfittxija fuqu fejn fil-basket instab li kien qed iġorr diversi pakketti b’sustanza illegali, allegatament droga. Instab ukoll li kellu fuqu mus u ponn tal-ħadid. Hu ttieħed l-għassa ta’ Bormla u wara ġie eskortat lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.

Saru wkoll tfittxijiet mill-Pulizija fir-residenza fejn ħabbat iż-żagħżugħ fi Triq Santa Liena. Hemm instabu tliet pakketti żgħar b’sustanza illegali, allegatament droga. Żewġ persuni li kienu fir-residenza, żagħżugħ ta’ 20 sena u mara ta’ 27 sena minn Bormal qed jiġu mitkellma mill-Pulizija.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo qed tmexxi l-inkjesta Maġisterjali.